• Ressaq ilment
  • Talba għall-informazzjoni
60th Rome Treaty anniversaryL-Ewropa tiegħek - Il-portal għas-servizzi pubbliċi online Ewropej u nazzjonali

Strateġija

Strateġija għall-mandat

L-Istrateġija tal-Ombudsman Ewropew - “Lejn l-2019”

L-istituzzjoni tal-Ombudsman madwar id-dinja kollha hija ikona tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt. Isservi kemm bħala kontroll indipendenti fuq is-setgħa tal-gvern u l-amministrazzjoni pubblika u bħala mezz li bih iċ-ċittadini jista’ jkollhom l-ilmenti tagħhom mismugħa u d-drittijiet tagħhom imħarsa minn uffiċċju indipendenti, aċċessibbli u imparzjali barra mis-sistema tradizzjonali tal-qrati.

It-twaqqif tal-istituzzjoni fl-Unjoni Ewropea wara t-Trattat ta’ Maastricht tal-1992 kien intiż li japprofondixxi l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-UE. Kien ukoll rikonoxximent tal-ħakma dejjem tikber ta’ dawn l-istituzzjonijiet fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Istati Membri bil-bżonn konsegwenti li jkun żgurat li s-setgħa istituzzjonali ma tintużax b’manjiera żleali, inġusta jew arbitrarja.

L-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew dalwaqt se jidħol fit-tielet deċennju u s-sena l-oħra jien kont onorata li ġejt eletta bħala Ombudsman mill-Parlament Ewropew wara s-Sur Jacob Söderman u l-Professur Nikiforos Diamandouros.

Il-predeċessuri tiegħi għinuni ndaħħal il-kuxjenza tal-istituzzjoni l-ġdida fil-mentalità tal-amministrazzjoni tal-UE. Permezz tal-ħila u l-influwenza tagħhom, u l-appoġġ ta’ persunal kompetenti u ddedikat ħafna, huma ġabu titjib sinifikanti fl-effiċjenza, it-trasparenza u l-integrità tal-amministrazzjoni pubblika. Żguraw ukoll rimedju għal eluf ta’ individwi, membri tas-soċjetà ċivili u negozji, li ġew moqdija ħażin mill-istituzzjonijiet tal-UE.

Issa r-rwol u l-ambizzjoni tiegħi huma li nġib l-Ombudsman Ewropew lejn il-livell li jmiss ta’ influwenza, rilevanza, u effettività. L-istrateġija deskritta f’dawn il-paġni hi intiża li tagħmel dan, tkopri l-perjodu sal-2019, u hi r-riżultat ta’ ħafna xhur ta’ djalogu mal-persunal tiegħi stess imma wkoll mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, in-negozji, il-kapijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE u mal-Parlament Ewropew. Għandha l-għan li tutilizza r-riżorsi tagħna b’mod mill-aktar strateġiku billi tidentifika dawk l-oqsma tal-amministrazzjoni pubblika tal-UE fejn l-aktar li nistgħu nkunu effettivi.

Emily O'Reilly

Novembru 2014

Għal aktar tagħrif ...